Skip to main content

Xjenza affidabbli

L-indipendenza hija waħda mill-valuri ewlenin tal-EFSA. F’konformità mal-istrateġija tagħha, l-Awtorità hija impenjata li tissalvagwardja l-indipendenza tal-esperti, il-persunal, il-metodi u d-data tagħha minn kwalunkwe influwenza esterna żejda u li tiżgura li jkollha l-mekkaniżmi meħtieġa fis-seħħ biex tirnexxi f’dan.

L-Awtorità tapplika sett robust ta’ miżuri u prattiki ta’ ħidma biex tissalvagwardja l-indipendenza tal-ħidma xjentifika tagħha u tevita l-kunflitti ta’ interess. Dawn huma kollha miġbura flimkien u spjegati fil-politika tal-EFSA dwar l-indipendenza, li ġiet rieżaminata f’Ġunju 2017. Il-politika hija implimentata mir-regoli stabbiliti fid-Deċiżjoni dwar il-ġestjoni ta’ interess kompetittiv.

Prattiki tajba tal-valutazzjoni tar-riskju

L-EFSA żviluppat korp komprensiv ta’ prattiki tajbin tal-valutazzjoni tar-riskju biex tiggwida l-ħidma tal-Kumitat Xjentifiku u l-bordijiet xjentifiċi tagħha. Il-Kumitat Xjentifiku tal-EFSA adotta wkoll sett ta’ rakkomandazzjonijiet dwar it-trasparenza fil-valutazzjoni tar-riskju biex jiżgura li jkun hemm trasparenza massima fil-ħidma tiegħu. Aktar informazzjoni hawn.

L-opinjonijiet xjentifiċi finali kollha adottati mill-Kumitat Xjentifiku u l-bordijiet xjentifiċi huma r-riżultat ta’ deliberazzjonijiet u deċiżjonijiet li jsiru b’mod kollettiv, fejn kull membru jgħodd l-istess bħal kull wieħed ieħor. L-ebda espert wieħed ma jista’ jinfluwenza żżejjed id-deċiżjonijiet tal-bord.

Diverġenza xjentifika

Qabel ma tibda l-ħidma fuq opinjoni xjentifika, l-EFSA tieħu għadd ta’ miżuri biex tiżgura li ma tkunx qed terġa’ tagħmel xogħol li jkun diġà ġie mwettaq minn korpi simili oħra. B’mod partikolari, taqsam l-informazzjoni dwar l-attivitajiet ippjanati tal-valutazzjoni tar-riskju mal-Forum ta’ Konsulenza tar-rappreżentanti tal-Istati Membri permezz tal-portal OpenEFSA u ta’ bażi tad-data tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tar-riskju ppjanati mill-Istati Membri.

L-EFSA toqgħod attenta ħafna wkoll biex tidentifika malajr kemm jista’ jkun kwalunkwe diverġenza xjentifika potenzjali bejn l-opinjonijiet tagħha u l-ħidma mwettqa mill-Istati Membri jew minn korpi nazzjonali/reġjonali/internazzjonali oħra. F’każ li jiġu identifikati diverġenzi bħal dawn, l-EFSA għandha proċedura fis-seħħ biex tikkjarifika u/jew issolvi l-kwistjonijiet kontenzjużi. Dan huwa deskritt fl-Artikolu 30 tar-Regolament ta’ Twaqqif tal-EFSA u f’sett ta’ linji gwida dwar il-prattika tajba maħruġa mill-Forum Konsultattiv. Bejn l-2006 u l-2018, ġew identifikati u indirizzati 13-il każ ta’ diverġenza potenzjali.

Għażla ta’ esperti xjentifiċi

Il-membri tal-Kumitat Xjentifiku, il-bordijiet xjentifiċi u l-gruppi ta’ ħidma tagħhom, kif ukoll esperti esterni oħra li jikkontribwixxu għall-ħidma tal-EFSA, jintgħażlu skont il-kompetenza xjentifika u l-għarfien espert tagħhom permezz ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti. Matul il-proċedura ta’ selezzjoni, l-interessi ddikjarati mill-applikanti jiġu skrutinizzati biex jiġi żgurat li jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess (ara hawn taħt).

Ġestjoni ta’ interessi f’kompetizzjoni ma’ xulxin

L-EFSA sistematikament tiskrinja l-informazzjoni pprovduta minn espert fid-Dikjarazzjoni tal-Interessi (DoI) u tivvaluta jekk interess iddikjarat jikkostitwix kunflitt. Il-proċess ta’ skrinjar tal-ADoIs huwa kkoordinat u vvalidat mis-Servizzi Legali u tal-Assigurazzjoni tal-EFSA.

F’Ġunju 2017, il-Bord tal-Amministrazzjoni tal-EFSA adotta politika ġdida dwar l-indipendenza, li ssaħħaħ l-approċċ preċedenti billi tinkludi għadd ta’ salvagwardji addizzjonali. Il-politika riveduta issa tinkludi:

  • Definizzjoni ġdida ta’ x’jikkostitwixxi kunflitt ta’ interess, li tagħmel lill-EFSA konformi mar-regoli l-aktar reċenti adottati mill-Kummissjoni Ewropea għall-kumitati ta’ esperti tagħha.
  • Sett komprensiv ta’ regoli dwar il-“perjodu ta’ preklużjoni”: l-esperti esterni awtomatikament ikunu pprojbiti milli jingħaqdu mal-bordijiet xjentifiċi jew il-gruppi ta’ ħidma tal-EFSA jekk fis-sentejn ta’ qabel ikunu ġew impjegati minn, servew bħala konsulenti għal, jew offrew parir xjentifiku lil organizzazzjonijiet li jaħdmu f’oqsma koperti mill-mandat tal-EFSA. Il-perjodi ta’ preklużjoni japplikaw ukoll għal esperti li jkunu rċevew finanzjament għar-riċerka (ta’ aktar minn 25 % tal-finanzjament totali għar-riċerka) mingħand tali organizzazzjonijiet.
  • Rekwiżit li l-esperti jiddikjaraw il-proporzjon tal-qligħ annwali tagħhom li jirċievu mingħand kwalunkwe organizzazzjoni, korp jew kumpanija li l-attivitajiet tagħha jaqgħu fl-oqsma tal-ħidma tal-EFSA. Din l-informazzjoni tiġi ppubblikata u tintuża bħala parti mill-valutazzjoni tad-DoI.
  • Pubblikazzjoni tal-lista tas-“sħab istituzzjonali” tal-EFSA, bħal awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali, universitajiet jew istituti ta’ riċerka.
  • L-esperti tal-Istati Membri li jieħdu sehem f’laqgħat ta’ rieżami bejn il-pari se jkunu soġġetti għall-istess miżuri ta’ skrutinju u trasparenza li japplikaw għall-esperti tal-bordijiet.

L-EFSA żviluppat ukoll regoli għall-implimentazzjoni ta’ din il-politika l-ġdida. L-EFSA bdiet timplimenta r-regoli ta’ implimentazzjoni l-ġodda stabbiliti fid-deċiżjoni tagħha dwar iil-ġestjoni ta’ interess kompetittiv mill-1 ta’ Lulju 2018. Ir-regoli l-ġodda jieħdu post il-kriterji użati mill-EFSA sat-30 ta’ Ġunju 2018 għall-iskrinjar tad-DoIs, li ġew stabbiliti fir-regoli tal-2014 dwar id-dikjarazzjonijiet tal-interessi.

Minbarra r-restrizzjonijiet mingħajr kundizzjoni li japplikaw għal persuni impjegati mill-“industrija tal-ikel” jew li jinvestu finanzjarjament f’operaturi ta’ negozji tal-ikel, l-evalwazzjoni tad-DoI tqis l-interessi ddikjarati mill-espert fir-rigward tal-mandat tal-grupp inkwistjoni. Il-kriterji ta’ skrinjar għal kull attività huma stabbiliti b’mod trasparenti fl-Anness għad-deċiżjoni tal-EFSA dwar il-ġestjoni ta’ interess kompetittiv.

Abbażi tal-eżitu tal-iskrinjar ta’ kull DoI, l-EFSA tiddeċiedi jekk il-persuna titħalliex tipparteċipa fil-grupp xjentifiku rilevanti jew le u, jekk titħalla, f’liema rwol (pereżempju bħala president/viċi president jew membru ta’ bord xjentifiku jew ta’ grupp ta’ ħidma).

Minbarra dan l-iskrinjar regolari tal-interessi ddikjarati, darbtejn fis-sena l-EFSA regolarment tirrieżamina kampjun rappreżentattiv tad-DoIs skrutinizzati biex timmonitorja l-kompletezza u l-koerenza mar-regoli tal-EFSA.

Jekk espert jinstab li ħalla barra informazzjoni rilevanti li kienet twassal għall-identifikazzjoni ta’ KtI, l-EFSA tista’ tiskatta proċedura ta’ “ksur tar-regoli”, li tista’ twassal għall-adozzjoni ta’ miżura waħda jew aktar vis-à-vis l-espert ikkonċernat. Jekk tiġi applikata miżura, l-EFSA twettaq rieżami tal-output xjentifiku li għalih ikkontribwixxa l-espert bil-għan li tikkjarifika jekk, u sa liema punt, dak l-espert influwenza l-output.

Is-sejbiet ta’ dawn il-proċessi jiġu rrappurtati lill-Bord tal-Amministrazzjoni, u mill-2019, l-EFSA bdiet tagħmel disponibbli għall-pubbliku Rapport Annwali dwar l-attivitajiet relatati mal-indipendenza:

Dikjarazzjonijiet tal-interessi

L-esperti kollha tal-Kumitat Xjentifiku, il-bordijiet xjentifiċi u l-gruppi ta’ ħidma huma meħtieġa jiffirmaw dikjarazzjoni ta’ impenn, inkluż impenn li jaġixxu b’mod indipendenti, u li jipprovdu dikjarazzjoni annwali tal-interessi (ADoI) għal kull grupp tal-EFSA li huma membri tiegħu. 

L-esperti huma meħtieġa jissottomettu ADoI qabel ma jingħaqdu mal-grupp xjentifiku rilevanti, jaġġornawha mill-inqas darba fis-sena, hekk kif ifeġġ interess ġdid jew hekk kif tiġi mmodifikata waħda li kienet ġiet iddikjarata qabel.

ADoI jkun fiha dettalji tal-attivitajiet li jkunu għaddejjin u dawk li jkunu tlestew fl-aħħar ħames snin fil-kategoriji li ġejjin:

  • Investimenti finanzjarji.
  • Rwol maniġerjali.
  • Impjieg.
  • Konsulenza okkażjonali.
  • Sħubija f’entità konsultattiva xjentifika.
  • Finanzjament għar-riċerka.
  • Drittijiet tal-proprjetà intellettwali.
  • Sħubija jew affiljazzjoni oħra.
  • Interessi rilevanti oħra.

L-esperti huma meħtieġa wkoll jiddikjaraw interessi addizzjonali bil-fomm fil-bidu ta’ kull laqgħa li jattendu. Jekk interess jiġi ddikjarat bil-fomm, il-membri tal-persunal tal-EFSA jiskrinjawh u jekk jiġi identifikat KtI, l-espert jitwaqqaf milli jieħu sehem fid-diskussjoni. Id-DoIs bil-fomm kif ukoll l-eżitu tal-iskrinjar jew il-miżura meħuda biex tiġi evitata l-okkorrenza ta’ KtI identifikat jiġu rrappurtati u ddokumentati fil-minuti ta’ kull laqgħa.

Persunal tal-EFSA

Il-persunal tal-EFSA jaġixxi fl-interess pubbliku u huwa soġġett għal diversi obbligi skont ir-regolamenti tal-persunal tal-UE applikabbli għall-impjegati taċ-ċivil kollha impjegati mill-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-aġenziji tal-UE, inkluż li jaġixxu b’mod imparzjali, b’integrità, li jevitaw il-kunflitti ta’ interess u li jirrappurtawhom malli jfeġġu. L-EFSA torganizza sessjonijiet regolari ta’ sensibilizzazzjoni għall-persunal tagħha biex trawwem kultura interna li ma tittollerax il-parzjalità.

L-EFSA teħtieġ li l-kandidati għall-pożizzjonijiet vakanti fil-persunal tagħha, kif ukoll l-aġenti u l-uffiċjali tagħha, jimlew ADoI, li tiġi skrinjata qabel ir-reklutaġġ u tiżgura li l-membri tal-persunal ma jiġux assenjati għal proġetti fejn ikunu ġew identifikati kunflitti ta’ interess. L-EFSA tippubblika online b’mod proattiv l-ADoIs tal-maniġment superjuri tagħha anki fin-nuqqas ta’ rekwiżit legali li tagħmel dan.

Proċedura ta’ akkwist u ta’ aġġudikazzjoni ta’ għotjiet

Il-proċeduri tal-akkwist pubbliku tal-EFSA li jikkonċernaw l-attivitajiet xjentifiċi tal-EFSA jirrikjedu li kull persuna ġuridika jew fiżika tissottometti Dikjarazzjoni tal-Interessi.

Barra minn hekk, l-EFSA teħtieġ li l-offerent jew l-applikanti għall-Għotjiet jissottomettu DoI għal kull membru tat-tim li suppost se jikkontribwixxi għall-proġett.

F’dan il-kuntest, l-EFSA tiskrinja d-DoIs sottomessi u tivvaluta jekk interess iddikjarat jikkostitwix kunflitt skont kriterji oġġettivi u trasparenti stabbiliti fl-Anness 2 tad-Deċiżjoni dwar il-Ġestjoni ta’ Interess Kompetittiv. Fejn jiġu identifikati KtI u l-offerent jew il-parteċipant fil-proċedura ta’ aġġudikazzjoni ta’ għotjiet ma jkunux jistgħu jipprevjenu l-okkorrenza tal-kunflitt jew jipproponu espert alternattiv xieraq, dan iwassal għall-esklużjoni tal-offerent jew tal-parteċipant ikkonċernat.